Previous slide
Next slide

Il-popolazzjoni tal-Imqabba, raħal żgħir ħafna li jinsab fix-Xlokk ta’ Malta, jammonta għal madwar 3,200 abitant. Għalkemm huwa raħal żgħir ħafna, huwa raħal uniku peress li l-maġġoranza tal-ġebla tal-Franka Globiġerina li tinsab f’Malta tinsab fl-Imqabba. Għalhekk huwa r-raħal speċjali mbierek bl-uniċi riżorsi naturali li jinsabu fil-gżira. Ħafna mid-djar mibnija f’Malta għandhom il-ġebla tal-Franka Ġlobiġerina bħala l-karatteristika ewlenija fil-kostruzzjoni. Din il-karatteristika ġeoloġika kkundizzjonat il-ħajja soċjoekonomika tar-raħal, peress li ħafna mill-ħaddiema tal-barriera huma ħaddiema mill-Imqabba u l-irħula ġirien tal-Qrendi, iż-Żurrieq, is-Siġġiewi, Ħal Kirkop, Ħal Safi u Ħal Luqa.

L-importanza tal-Imqabba tidher saħansitra fil-fdalijiet arkeoloġiċi li nstabu fil-viċinanzi tal-Imqabba. Annimali estinti nstabu f’barrieri f’“Ta’ Kandja” u “Tax-Xantin”. Sinjal li n-nies Neolitiċi għexu hawn, kien evidenti bis-sejba ta’ għar fil-qrib li nstab f’sit magħruf bħala “Bur Megħeż”. Madankollu, waħda mill-aktar skoperti importanti fl-Imqabba huma l-“Katakombi Mintna” Paleo-Kristjani li nstabu fi Pjazza tal-Ġublew tad-Djamanti fl-1860 minn Dr A. A. Caruana u l-Kaptan Strickland. Fil-fatt dan huwa kumpless ta’ katakombi. Il-mejda ritwali magħrufa bħala l-“Agape” tiddomina l-istruttura kollha tal-oqbra. Dettalji arkeoloġiċi ġew studjati minn Mayr. Becker, Zammit u Bellanti.