Postijiet Storiċi

L-Isptar il-Qadim fi Triq San Innoċenzju

Din il-binja, magħrufa bhala ‘L-Isptar il-Qadim’, inbniet mill-Fondazzjoni tal-Ordni ta’ San Ġwann, Fondazione Cottoner, waqt il-pesta tas-seklu sbatax. Matul dan iż-żmien, l-Imqabba tilfet 11% tal‑popolazzjoni tagħha ta’ madwar 500 persuna. Għalhekk, din it-triq ħadet isimha għal din il‑binja.

Fid-daħla ta’ dan l-‘Isptar il-Qadim’, wieħed jista’ jara d-data tal-1 ta’ Lulju 1725 imnaqqxa mal-ħajt. Din id-data, hi maħsuba li tnaqqxet fis-seklu 18, bħala tifkira ta’ meta Fondazione Cottoner kienet tikri l-art lil ċertu wieħed Mariuzzo Zahra għal 62 skud għall-150 sena ta’ wara.

Barra minn hekk, din il-binja tinkludi Roundel Carving fuq il-faċċata tagħha. Dan it-tinqix huwa wieħed mill-eqdem disinn arkitettoniku f’Malta u jinstab f’diversi binjiet antik fil-lokalitajiet tal-madwar, fosthom iż-Żurrieq u l-Qrendi. Il-ġebel b’roundel carvings reġgħu ntużaw aktar tard f’binjiet aktar riċenti parti mid-dekorazzjonijiet arkitettoniċi.

Fl-2003 dan is-sit ingħata lill-Kunsill Lokali tal-Imqabba biex jiġi restawrat (fl-2015) u jingħata ħajja ġdida billi jintuża b’mod adekwat għal skopijiet kulturali u anke jinbidel f’ċentru ta’ tagħlim.

Il-Ħajt tal-Matla


Il-ħajt tal-Matla huwa passaġġ elevat magħmul mill-ġebel mingħajr ebda ġonot tat-tikħil, u jmur lura għal żminijiet Medjevali. Dan il-passaġġ kien metru wiesa’ u madwar kilometru twil, jibda miċ-ċentru tal-Imqabba, preċiżament mill-knisja ta’ San Bażilju. Il-parruċċani kienu jimxu fuq dan il-ħajt imdawwar bl-għelieqi, li fit-tarf tiegħu, il-parruċċani kienu jsibu ruħhom fi sqaq fil-kampanja qrib il-Knisja ta’ Ġesù Nazzrenu. Minn hemm kienu jimxu tul triq oħra dejqa u fuq ħajt ieħor bħal dan iżda iżgħar fil-wisa’ u fit-tul, biex jaslu sal-knisja ta’ San Ġwann ta’ Ħal Millieri. Minħabba żvilupp strutturali fiż-żoni fil-qrib, illum baqa’ biss parti żgħira minn dan il-ħajt, li jibda minn Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija u jispiċċa ftit metri miċ‑ċimiterju.

Bejn l-1592 u l-1598, meta l-Imqabba kienet għadha tagħmel parti mill-parroċċa ta’ Ħal Kirkop, din il-passaġġ kien jintuża mill-kappillan ta’ Ħal Kirkop biex jamministra s-sagramenti lill-poplu Mqabbi. Fix-xhur tax-Xitwa, dan il-passaġġ serva bħala passaġġ niexef minn fejn jimxu n-nies, passaġġ ippreferut mill-għelieqi li kienu suxxettibbli għall-għargħar.

Daqs 50 u sa 70 sena ilu, din ir-rotta kienet għadha waħda popolari mal-Imqabbin ghal xi passiġġata.

Matla, jew Matlgħa, hija kelma Maltija ta’ influwenza Semitika, nom mimmat ta’ “tela’’, li tfisser telgħa jew taraġ li jwassal għal post ogħla. Għalhekk, wieħed jista’ jobsor għaliex dan il-ħajt ingħata dan l-isem.

Il-ħajt Matla ġie restawrat fl-2018.

Il-Katakombi Tal-Mintna fil-Pjazza Ġublew tad-Djamanti

Il-katakombi Tal-Mintna, li jmorru lura għall-aħħar perjodu ta’ dak li nsejjħulu l-Antikità u, possibilment, il-perjodi Biżantini, (ġeneralment madwar ir-raba’ seklu WK). Dawn huma l‑eqdem siti ta’ dfin Nisrani fl-Imqabba.

Il-katakombi Tal-Mintna huma kumpless ta’ tliet ipoġej li oriġinarjament kienu tliet kumplessi ta’ dfin separati, b’taraġ separat wieħed mill-ieħor. Fi żminijiet moderni, dawn l-ipoġej kienu magħqudin flimkien sabiex ikunu jistgħu jintużaw bħala bir.

Dawn il-katakombi ġew dokumentati għall-ewwel darba minn Annetto A. Caruana fil‑pubblikazzjoni tiegħu tal-1888, li flimkien mal-Kaptan Strickland fl-1860, niżlu fix-xaft tal‑bir li minnu kien hemm aċċess għall-kumpless.

It-tliet ipoġej huma madwar 139 metru kwadru, u huwa maħsub li kienu mħaffra u ornamentati madwar l-istess żmien. Ix-xogħol arkitettoniku fin ta’ dan is-sit huwa evidenza tax-xogħol tas-sengħa għolja ta’ dak iż-żmien.

Għalkemm fuq skala ferm iżgħar, l-ipoġej Ta’ Mintna u l-katakombi tal-Imqabba, għandhom karatteristiċi simili bħal Katakombi ta’ San Pawl fir-Rabat. Dan il-kumpless għandu karatteristiċi uniċi fl-istruttura tiegħu. L-ipoġew ċentrali għandu triclinium ippreservat tajjeb, li huwa bħal mejda tal-ikel magħmul mill-ġebel u kien jintuża għal ikliet u riti reliġjużi. Kien hemm ukoll ringieli ta’ toqob piramidali li probabbilment kienu jintużaw  għal-lampi. Iż-żewġ ipoġej l-oħra jinkludu wħud mill-isbaħ dekorazzjonijiet funerarji fuq il-gżejjer Maltin, u jinkludu oqbra mżejna bl-arzelli fil ‘conch’ u pilastri minquxa.

Filwaqt li dan is-sit huwa magħluq għall-pubbliku biex jiżgura l-preservazzjoni tiegħu, individwi interessati jistgħu jibagħtu email fuq [email protected] biex jibbukkjaw mawra.